Bl-għeruq u x-xniexel nipproponi li nagħmlu wkoll FIRST fl-istorja ta' Malta, dik magħrufa bħala contre histoire jew counter history li sal-lum ħadd ma ppubblika jew xandar dwarha. Il-programm ikun fiħ intervisti intriganti ma' akkademiċi, storiċi imma wkoll esperti soċjo-kulturali minn oqsma oħra għaliex tifrex fuq dak kollu li qatt ma ngħata attenzjoni jew importanza, kif inhu l-isem, bl-għeruq u x-xniexel. Nitkellmu fuq dak li mhux ovvju u li ġbajna nisimgħu dwaru bl-istess tagħrif. Din li qed nipproponi tikkonċerna lil Malta u lil Maltin bid-drawwiet, folklor, leġġendi, xejriet, ġrajjiet, twemmin, fehmiet, relazzjonijiet ma' qawwiet barranin, kif ukoll il-ħajja taċ-ċittadin ordinarju mill-aspetti kulturali kollha. Fuq kollox il-perċezzjoni tal-Maltin u l-Għawdxin tal-lum fuq l-imgħoddi u f'hiex sawwarna llum (identita' u memorja kollettiva).