Fi tmiem Ottubru, Clare Azzopardi u Leanne Ellul flimkien ma' Katel Delia qattgħu ftit jiem ġewwa t-Tuneżija biex jisimgħu u jiktbu l-istejjer tal-Maltin li matul is-snin emigraw lejn dal-pajjiż li bejn jinħass familjari u bejn mhuwiex. Matul iż-żjara tagħhom iltaqgħu ma' Maltin li telgħu minn jeddhom jew ma' wlied Maltin li telgħu fiż-żmien u mbagħad baqgħu jgħixu hemm. L-istejjer li semgħu u ġabru issa se jiġu tradotti fi stejjer li se jkunu ppubblikati f'ġabra akkumpanjata b'numru ta' ritratti. Dan il-proġett kien maħsub u kkordinat mill-ambaxxata Maltija fit-Tuneżija.
