Lejn l-aħħar tas-sena, Dr David Aloisio, lettur tal-JC u koordinatur tal-Malti fil-Junior College, ippubblika Milied Aħdar f’Ħal Miżwed, ktieb bit-tema tal-Milied u b’temi oħrajn, bħall-protesta ambjentali u l-preżenza tal-inġustizzji fis-soċjetà tagħna. Primarjament huwa intenzjonat għat-tfal ta’ bejn it-tmien snin u t-tnax-il sena, madankollu jista’ jiġi apprezzat minn qarrejja akbar ukoll. Il-ġrajja ewlenija tiegħu, li ddur madwar Salma u sħabha f’Ħal Miżwed, titnebbaħ mill-ġeneru tar-realiżmu maġiku u qed tiġi ppreżentata fi ktieb b’qoxra iebsa, mogħni bit-tpinġijiet sbieħ ta’ Louiselle Sciberras. L-awtur iddedika dan il-ktieb lill-Moviment Graffitti b’turija ta’ gratitudni u apprezzament għall-impenn tal-membri tiegħu favur l-ambjent u l-ġustizzja soċjali. Milied Aħdar ġie ppubblikat grazzi għall-Horizons u għall-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.

